Rimedju għal teknoloġiji innovattivi
Fl-MDIA, nemmnu li nisfruttaw il-qawwa tal-innovazzjoni biex tmexxi bidla pożittiva, filwaqt li niżguraw li jkun hemm mekkaniżmi xierqa ta’ rimedju.
Intelliġenza Artifiċjali
Mingħajr preġudizzju għal rimedji amministrattivi jew ġudizzjarji oħra, kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li jkollha raġunijiet biex tikkunsidra li kien hemm ksur tad-dispożizzjonijiet tal-Att tal-UE dwar l-IA tista' tressaq ilmenti motivati lill-MDIA.

Ċertifikazzjoni taċ-Ċibersigurtà
L-MDIA tittratta lmenti minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi fir-rigward ta’ ċertifikati Ewropej taċ-ċibersigurtà maħruġa minn awtoritajiet nazzjonali taċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà jew ma’ ċertifikati Ewropej taċ-ċibersigurtà maħruġa minn korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità skont l-Artikolu 56(6) tal-Att dwar iċ-Ċibersigurtà jew b’rabta ma’ dikjarazzjonijiet tal-UE ta’ konformità maħruġa taħt l-Artikolu 53 tal-istess Att.
L-MDIA tinvestiga s-suġġett ta' dawn l-ilmenti sal-punt xieraq u għandha tinforma lill-ilmentatur dwar il-progress u r-riżultat tal-investigazzjoni f'perjodu raġonevoli.

Governanza tad-Data
Kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika affettwata direttament minn deċiżjoni kif imsemmi fl-Artikolu 9(1) tal-Att dwar il-Governanza tad-Data għandu jkollha dritt effettiv ta' rimedju fl-Istat Membru fejn jinsab il-korp rilevanti. Jekk jogħġbok irreferi għal-leġiżlazzjoni sussidjarja rilevanti skont il-Kapitolu 591 tal-Liġijiet ta' Malta għal aktar informazzjoni.

Proċedura
Imla l-formola tal-ilmenti/rimedju biex l-Awtorità tkun tista' tipproċessa l-informazzjoni.
MDIA se tevalwa l-formola. Jekk meħtieġ, l-uffiċjali jattendu fuq il-post biex jinvestigaw ir-rapport.