Aqbeż għall-kontenut
← Lura għas-Servizzi Personali kollha

Servizzi Personali

Skema Boost Your Coding

Tgħallem tikkowdja u rċievi sa €1,000 rimborż!

L-Iskema Boost Your Coding hija inizjattiva mill-Awtorità tal-Innovazzjoni Diġitali ta' Malta (MDIA) imfassla sabiex tagħti s-setgħa lill-individwi li għandhom 16-il sena jew aktar biex isegwu korsijiet bażiċi jew introduttorji tal-coding. Permezz t' appoġġ finanzjarju, il-parteċipanti se jiksbu ħiliet diġitali essenzjali biex jirnexxu fl-isfond teknoloġiku ta' llum li qed jevolvi b’rata mgħaġġla.

Skop u Objettivi

Din l-iskema għandha l-għan li:

  • Ittejjeb l-aċċess għal opportunitajiet edukattivi għal individwi fil-litteriżmu diġitali, b'mod partikolari fil-kodifikazzjoni.

  • Tagħti s-setgħa lill-individwi biex jesploraw u jiksbu għarfien u ħiliet bażiċi tal-coding.

  • Ikun assigurat li ħadd ma jitħalla lura billi jkun offrut appoġġ finanzjarju sabiex ikunu żviluppati ħiliet li hawn id-domanda għalihom u jinżamm il-pass mat-trasformazzjoni diġitali.

Eliġibbiltà

  • L-applikanti jrid jkollhom 16-il sena jew iktar.

  • Malli jlestu b'suċċess, il-parteċipanti jridu jippreżentaw ċertifikat ta' kisba jew ċertifikat ta' tlestija (attendenza minima ta' 70%) biex jirċievu l-finanzjament.

Kif Taħdem

Il-passi biex tirċievi rimborż għall-Iskema Boost Your Coding huma dawn li ġejjin:

  1. Identifika kors bażiku jew introduttorju tal-kodifikazzjoni li tixtieq issegwi. Katalgu tal-korsijiet huwa disponibbli hawn .

  2. Applika hawn biex tirċievi konferma ta' appoġġ finanzjarju – għandu jkun mill-inqas xahar qabel ma jibda l-kors għal korsijiet inklużi fil-katalgu, u 3 xhur qabel ma jibda l-kors għal korsijiet li mhumiex inklużi fil-katalgu biex ikun hemm ħin għall-evalwazzjoni.

  3. Tlesti l-kors b'suċċess, u tikseb ċertifikat.

  4. Applika biex titlob l-appoġġ finanzjarju hawn (l-iskadenza hija fi żmien massimu ta' xahrejn mit-tlestija tal-kors).

Għall-Individwi

Individwi li għandhom 16-il sena jew aktar jistgħu japplikaw għal appoġġ finanzjarju biex jattendu kors wieħed jew aktar elenkati fil- Katalgu Boost Your Coding . L-appoġġ ikopri 100% tal-miżati tal-kors, sa massimu ta’ €1,000. Jekk kors magħżul jiswa inqas minn €1,000, l-applikanti jistgħu japplikaw għal korsijiet addizzjonali, sakemm il-finanzjament totali ma jaqbiżx il-limitu ta’ €1,000 għal kull individwu.

Jekk individwu jidentifika kors bażiku jew introduttorju tal-kodifikazzjoni li jixtieq isegwi, li bħalissa mhux inkluż fil-katalgu, jista' jissottometti l-kors għall-evalwazzjoni billi japplika għall-Iskema Boost Your Coding bl-informazzjoni l-ġdida tal-kors permezz ta' din il -link , u jsegwi l- linji gwida għall-informazzjoni meħtieġa.

Għall-Fornituri tat-Taħriġ

Dawk li jipprovdu taħriġ li għandhom kors bażiku jew introduttorju tal-kodifikazzjoni li bħalissa mhux fil-katalgu, li jista' jkun ta' benefiċċju fil-litteriżmu diġitali tal-individwi u jixtiequ li jiġi evalwat għall-kompatibilità mal-Iskema Boost Your Coding, jistgħu jikkuntattjawna billi jibagħtu email lil [email protected] bid-dettalji li ġejjin:

a) Titlu tal-Kors – L-isem tal-kors;

b) Is-sigħat totali ta' tagħlim , li jistgħu jikkonsistu minn:

(i) Sigħat ta’ Kuntatt – sigħat ta’ tagħlim;

(ii) Sigħat ta’ Studju Awtonomu – sigħat ta’ tagħlim mhux sorveljat;

(iii) Sigħat Prattiċi – dan jirreferi għal tagħlim sorveljat;

(iv) Sigħat ta' Valutazzjoni – dan jinkludi n-numru ta' sigħat li wieħed iqatta' jaħdem fuq assenjazzjoni kif ukoll/jew is-sigħat li l-istudenti jqattgħu waqt l-eżamijiet.

c) Eżiti tat-tagħlim – L-għadd ta’ sigħat assenjati għandu jkun allinjat mal-ammont ta’ xogħol previst u r-riżultati mistennija.

d) Deskrizzjoni tal-Kors u Moduli/Unitajiet – Sommarju qasir ta’ x’inhu dwar il-kors u tqassim tas-suġġetti jew it-taqsimiet koperti fil-kors.

e) Informazzjoni dwar il-mod ta' kunsinna – inkluża d-data tal-bidu u d-data tat-tmiem (il-perjodu massimu permess għat-tlestija tal-kors).

f) Rekwiżiti Minimi tad-Dħul – dan jinkludi, jekk ikun hemm, il-kwalifiki bażiċi, il-ħiliet, l-għarfien u l-esperjenza meħtieġa biex wieħed iwettaq il-kors.

g) Spejjeż totali u inklużjonijiet – Tqassim tal-miżati tal-kors u x'inhu kopert fil-prezz.

h) Konferma tat-tlestija b'suċċess – li għandha tiġi pprovduta kif ġej:

(i) Għal korsijiet akkreditati, ċertifikat ta' kisba.

(ii) Għal korsijiet mhux akkreditati, ċertifikat li jikkonferma li l-istudent ikun lesta mill-inqas 70% tas-sigħat totali ta’ tagħlim. Għal korsijiet li jinvolvu sigħat ta’ studju awtonomu, il-fornitur tat-taħriġ huwa mistenni li jispeċifika kif se jivverifika li l-istudent ikun lesta minimu ta’ 70% tas-sigħat totali ta’ tagħlim.

i) Udjenza fil-mira – Il-grupp ta’ individwi li għalihom huwa mfassal il-kors.

Il-fornituri tat-taħriġ jistgħu jirrevedu l-ispeċifikazzjonijiet sħaħ tal-inizjattiva biex iħejju l-informazzjoni dettaljata tal-kors skont il-linji gwida aċċessibbli hawn .

#MDIATalent

Qabbad it-talent diġitali tiegħek max-xena ta' innovazzjoni b'saħħitha ta' Malta permezz tal-MDIATalent.

MDIATalent jappoġġja t-tkabbir tas-settur tal-innovazzjoni diġitali ta' Malta billi jgħaqqad individwi tas-sengħa ma' opportunitajiet rilevanti mal-MDIA.