Aqbeż għall-kontenut

Aħbarijiet

L-Awtorità Maltija għall-Innovazzjoni Diġitali (MDIA) u ċ-Ċentru għal-Lingwa Maltija (ĊIM) iniedu Elettron

Aħbarijiet

L-Awtorità Maltija għall-Innovazzjoni Diġitali (MDIA) u ċ-Ċentru għal-Lingwa Maltija (ĊIM) nedew Elettron, rivista ġdida bilingwi bil-Malti u bl-Ingliż li tiffoka fuq ix-xjenza u t-teknoloġija. Din hija mmirata b'mod partikolari lejn studenti tas-Sena 7 (Form 1), bl-intenzjoni li tistimula l-kurżità tagħhom, filwaqt li tgħinhom jesploraw, jifhmu u japprezzaw aħjar id-dinja tax-xjenza, it-teknoloġija u l-innovazzjoni.

Il-kollaborazzjoni bejn l-MDIA u ċ-ĊIM tgħaqqad żewġ objettivi importanti: li tgħin liż-żgħażagħ ikomplu jiżviluppaw l-għarfien u l-ħiliet tagħhom f'oqsma relatati mat-teknoloġija u l-innovazzjoni, filwaqt li tagħtihom l-opportunità li jaqraw, jitgħallmu u jesploraw dawn is-suġġetti bil-Malti – lingwa li ma tintużax ta' spiss f'dawn l-oqsma.

Mill-perspettiva tal-MDIA, din l-inizjattiva tkompli tibni fuq l-isforzi kontinwi tagħha biex tesponi aktar tfal u żgħażagħ għad-dinja diġitali minn età żgħira. Mill-perspettiva taċ-ĊIM, Elettron tkompli tippromwovi l-użu tal-lingwa nazzjonali f'oqsma fejn l-Ingliż spiss jiddomina x-xena, billi tippreżenta kunċetti xjentifiċi u teknoloġiċi bil-Malti b'mod naturali li jkun adattat għall-udjenza fil-mira tagħha. Għalhekk, ir-rivista hija maħsuba wkoll biex turi li l-Malti huwa lingwa kapaċi li tissodisfa d-domandi ta' dan is-settur, bl-istess mod effettiv daqs kwalunkwe lingwa oħra.

Ir-rivista se titqassam mingħajr ħlas lill-iskejjel u lill-istituzzjonijiet edukattivi madwar Malta u Għawdex. Tista’ tintuża bħala riżorsa edukattiva fil-klassi, għall-qari fid-dar, jew bħala mod kif iż-żgħażagħ jiskopru aktar dwar ix-xjenza u t-teknoloġija b’mod indipendenti, inkluż permezz tal-lingwa Maltija.

L-ewwel ħarġa ta' Elettron hija disponibbli wkoll online fuq elettron.mt .

Ixxerja l-Post

#MDIATalent

Qabbad it-talent diġitali tiegħek max-xena tal-innovazzjoni li qed tiffjorixxi f'Malta permezz tal-MDIA Talent.

MDIATalent jappoġġja t-tkabbir tas-settur tal-innovazzjoni diġitali ta’ Malta billi jgħaqqad individwi b’ħiliet ma’ opportunitajiet rilevanti fl-MDIA.