Aqbeż għall-kontenut

Aħbarijiet

L-eSkills Malta Foundation se tkun integrata fl-Awtorità Maltija għall-Innovazzjoni Diġitali

Aħbarijiet

STQARRIJA GĦALL-ISTAMPA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, INTRAPRIŻI, U PROĠETTI STRATEĠIĊI

Minn Jannar 2025, il-funzjonijiet tal-Fondazzjoni eSkills Malta se jkunu inkorporati fl-istrutturi tal-Awtorità Maltija għall-Innovazzjoni Diġitali (MDIA). Din l-integrazzjoni se tgħin biex jiġu ottimizzati r-riżorsi u tikkonsolida l-ekosistema tal-innovazzjoni diġitali f’Malta.

Permezz ta’ din l-integrazzjoni, programmi ta’ ħiliet diġitali, inizjattivi ta’ ħiliet mill-ġdid u titjib tal-ħiliet jistgħu jkunu implimentati b’mod aktar ħolistiku. L-MDIA se tkompli timplimenta l-mandat u l-inizjattivi ta’ suċċess tal-eSkills Malta Foundation, iżda bħala parti minn strateġija usa’ li tinkludi wkoll il-ħidma ta’ DiHubMT. Dan l-approċċ se jindirizza b'mod aktar effettiv il-ħtiġijiet tal-industrija għall-ħiliet diġitali. Peress li l-eSkills hija fondazzjoni ffurmata mill-Gvern u l-Kamra tal-Kummerċ, din id-deċiżjoni ttieħdet wara diskussjonijiet u approvazzjoni mill-Kamra tal-Kummerċ.

Din l-integrazzjoni toffri opportunità strateġika biex tissaħħaħ l-effiċjenza u l-koordinazzjoni tal-isforzi fl-iżvilupp tal-ħiliet diġitali f’Malta, partikolarment fid-dawl tal-importanza dejjem tikber tal-litteriżmu tal-IA kif imħeġġeġ mill-Att dwar l-Intelliġenza Artifiċjali tal-Unjoni Ewropea, fejn l-MDIA għandha rwol primarju f’Malta. .

Bl-integrazzjoni tal-iżvilupp tal-ħiliet diġitali fil-mandat tal-MDIA, hemm potenzjal li jiġu allinjati direttament l-inizjattivi tal-litteriżmu diġitali u l-bini tal-kompetenzi mal-aġenda ta’ innovazzjoni diġitali ta’ Malta.

Il-Ministru għall-Ekonomija, Intrapriża, u Proġetti Strateġiċi, Silvio Schembri, stqarr, “Din l-integrazzjoni hija pass importanti biex nikkonsolidaw l-isforzi tagħna fl-iżvilupp tal-ħiliet diġitali u l-innovazzjoni f’Malta. Permezz tal-MDIA, niżguraw sinerġija u koordinazzjoni akbar, li mhux biss issaħħaħ il-kompetittività tal-ekonomija diġitali tagħna iżda wkoll tpoġġi lil Malta bħala mexxejja fil-litteriżmu tal-IA u l-ħiliet diġitali. Dan huwa pass kruċjali biex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet tal-industrija u ngħinu lill-ħaddiema Maltin jadattaw għall-isfidi u l-opportunitajiet li jġibu t-teknoloġija diġitali.”

Il-Kap Eżekuttiv tal-MDIA, is-Sur Kenneth Brincat, irrimarka, “Din l-integrazzjoni se tkompli ssaħħaħ l-ekosistema tal-ħiliet diġitali ta’ Malta, u tippermettilna noffru soluzzjonijiet prattiċi għall-isfidi reali li jiffaċċjaw in-negozji u s-soċjetà.”

Il-Kap Amministratur tal-Fondazzjoni eSkills Malta, is-Sur Carmel Cachia, innota, “Il-kontinwità tal-inizjattivi eżistenti ta’ suċċess u l-ħidma tal-Fondazzjoni eSkills Malta, li wittiet it-triq għal ħiliet diġitali akbar fost iċ-ċittadini Maltin, se tkun żgurata, filwaqt li tkun integrata ukoll fil-qafas strateġiku tal-MDIA biex il-pedament b’saħħtu jkompli jinbena.”

Fl-aħħar mill-aħħar, din l-integrazzjoni tippreżenta opportunità biex jiġi żgurat li l-iżvilupp tal-ħiliet diġitali jibqa’ prijorità fuq l-aġenda ekonomika tal-pajjiż. L-MDIA, b’dawn il-funzjonijiet, se jkollha rwol ċentrali biex tiżgura li l-forza tax-xogħol ta’ Malta jkollha l-ħiliet meħtieġa biex tirnexxi fl-ekonomija diġitali.

L-integrazzjoni se tidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2025, u kull korrispondenza jew mistoqsijiet għandhom jiġu diretti fuq l-indirizz elettroniku [email protected] jew permezz tat-telefon fuq 21828800.

Ixxerja l-Post

#MDIATalent

Qabbad it-talent diġitali tiegħek max-xena ta' innovazzjoni b'saħħitha ta' Malta permezz tal-MDIATalent.

MDIATalent jappoġġja t-tkabbir tas-settur tal-innovazzjoni diġitali ta' Malta billi jgħaqqad individwi tas-sengħa ma' opportunitajiet rilevanti mal-MDIA.