Aqbeż għall-kontenut

Aħbarijiet

Skola Sajf u Kamp Sajf b’Tema Teknoloġika għas-Sajf li Ġej

Aħbarijiet

STQARRIJA GĦALL-ISTAMPA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, FONDI EWROPEJ U ARTIJIET

Dan is-sajf li ġej, se jiġu organizzati Skola Sajf u Kamp tas-Sajf biex jipprovdu lill-istudenti b’esperjenza ta’ tagħlim interattiva li tiffoka fuq prinċipji ewlenin ta’ teknoloġija innovattiva. Din l-inizjattiva tħabbret mill-Ministru għall-Ekonomija, Fondi Ewropej u Artijiet, Silvio Schembri.

L-Iskola Sajf, bl-isem ta’ Future Innovators, se ssir fl-MCAST f’Raħal Ġdid bejn Lulju u Settembru għall-istudenti ta’ bejn it-13 u l-15-il sena. Fost attivitajiet oħra, se jgħin lill-istudenti jiżviluppaw ħiliet kreattivi fl-Intelliġenza Artifiċjali u l-innovazzjoni diġitali, li jkopru suġġetti bħall-kodifikazzjoni, blockchain, metaverse, stampar 3D u ċibersigurtà.

Il-Kamp tas-Sajf, bl-isem xPloring Intelligence – A Bootcamp on Us and Tech, se jsir fil-Fakultà tal-ICT fl-Università ta’ Malta mill-11 sal-15 ta’ Settembru għall-istudenti minn Year 7 sa Year 9. Dan il-Kamp tas-Sajf għandu l-għan li jispira lill-istudenti biex agħżel suġġetti relatati mat-teknoloġija.

Barra minn hekk, illum tnieda ktieb tal-komiks li se jitqassam lill-istudenti kollha mid-9 Year sa Year 11 li jistudjaw il-Kompjuter jew l-ETV IT fl-iskejjel Maltin u Għawdxin.

Il-Ministru Silvio Schembri esprima gratitudni lit-tliet entitajiet fi ħdan il-Ministeru – MDIA, Tech.mt u eSkills – talli kkollaboraw f’dawn l-inizjattivi, kif ukoll lill-MCAST u l-Università ta’ Malta. "Dan huwa kif naħdmu flimkien għall-ġid ta' pajjiżna u ta' uliedna. Nafu li t-teknoloġija u d-dinja diġitali huma l-futur u permezz ta' dawn l-inizjattivi, qed inrawmu passjoni għal dawn ix-xjenzi fi uliedna," qal il-Ministru Schembri.

Il-Ministru Schembri għamel referenza wkoll għall-adozzjoni mill-Unjoni Ewropea tal-liġi MiCA dwar assi finanzjarji virtwali (blockchain u cryptocurrency). “Malta kienet l-ewwel ġurisdizzjoni li ħolqot qafas regolatorju għall-assi virtwali. Dak iż-żmien, ħafna ma fehmux l-importanza ta’ din il-liġi, iżda llum pajjiżna jservi ta’ mudell għall-implimentazzjoni prattika tagħha. Issa għandna vantaġġ ta’ sitt snin fuq pajjiżi oħra, li jagħmluna mexxejja f’dan il-qasam,” qal il-Ministru Silvio Schembri.

Kenneth Brincat, CEO tal-MDIA, irrimarka, “It-teknoloġija innovattiva qed tbiddel il-mod kif naħdmu u noperaw, u l-interess tal-MDIA huwa li tiżgura li t-teknoloġija tiġi adottata b’mod sigur għall-benefiċċju tas-soċjetà. Biex niksbu dan, irridu nibdew minn età bikrija. Fl-MDIA, nemmnu li permezz tal-kollaborazzjoni, nistgħu nsibu modi ġodda kif nedukaw lit-tfal u ż-żgħażagħ dwar l-użu sigur ta’ teknoloġija innovattiva,” qal is-Sur Brincat.

Għal aktar informazzjoni dwar dawn l-inizjattivi, żur:
https://mdia.gov.mt/services/future-innovators-summer-school/
https://mdia.gov.mt/services/um-bootcamps/

Ixxerja l-Post

#MDIATalent

Qabbad it-talent diġitali tiegħek max-xena ta' innovazzjoni b'saħħitha ta' Malta permezz tal-MDIATalent.

MDIATalent jappoġġja t-tkabbir tas-settur tal-innovazzjoni diġitali ta' Malta billi jgħaqqad individwi tas-sengħa ma' opportunitajiet rilevanti mal-MDIA.