Aħbarijiet
L-Awtorità Maltija għall-Innovazzjoni Diġitali (MDIA) ħarġet sejħa għall-offerti għall-implimentazzjoni tal-Kartiera tal-Identità Diġitali Ewropea (EUDI) ta’ Malta, li timmarka pass importanti fil-vjaġġ tat-trasformazzjoni diġitali tal-pajjiż u fl-implimentazzjoni tal-Qafas Ewropew tal-Identità Diġitali.
Permezz ta’ dan il-proġett, Malta qed tieħu l-pass li jmiss lejn l-introduzzjoni ta’ soluzzjoni ta’ identità diġitali sigura u affidabbli li se tippermetti lill-utenti jaċċessaw is-servizzi aktar faċilment filwaqt li tagħtihom kontroll akbar fuq kif u ma’ min jaqsmu l-informazzjoni tagħhom.
Iċ-ċittadini u r-residenti Maltin se jkunu jistgħu jużaw l-EUDI Wallet biex jidentifikaw lilhom infushom b'mod sigur online u personalment, jivverifikaw l-età tagħhom meta jkun meħtieġ, jaħżnu dokumenti importanti bħal liċenzji tas-sewqan, u jiffirmaw dokumenti elettronikament. Il-Wallet se jkun jista' jintuża kemm f'Malta kif ukoll madwar l-Unjoni Ewropea.
L-MDIA, li ġiet fdata bit-tmexxija tal-implimentazzjoni tal-European Digital Identity Wallet ta’ Malta, se tkun responsabbli għall-iżvilupp ta’ din is-soluzzjoni u s-sistemi ta’ appoġġ meħtieġa biex jiġi żgurat it-tħaddim sikur tagħha u l-kompatibbiltà ma’ dawk ta’ Stati Membri oħra tal-Unjoni Ewropea.
Il-Ministru għall-Ekonomija, it-Teknoloġija u l-Proġetti Strateġiċi, Silvio Schembri, qal, “Din l-inizjattiva tirrifletti l-impenn tagħna li nħaddnu teknoloġiji innovattivi li jtejbu l-esperjenzi ta’ kuljum u jsaħħu l-pożizzjoni ta’ Malta bħala nazzjon avvanzat diġitalment.”
L-Uffiċjal Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija għall-Innovazzjoni Diġitali, Kenneth Brincat, qal, “Dan il-proġett huwa eżempju tanġibbli ta’ kif it-teknoloġija innovattiva tista’ tintuża biex jinħolqu servizzi li huma aktar siguri, affidabbli u ffukati fuq il-bżonnijiet taċ-ċittadini.”
Is-sejħa għall-offerti hija miftuħa permezz tas-Sistema elettronika tal-Akkwist Pubbliku tal-Gvern (ePPS), https://www.etenders.gov.mt/epps/cft/prepareViewCfTWS.do?resourceId=13926846 , sal-Ħamis 3 ta' Settembru u l-partijiet interessati huma mħeġġa jissottomettu l-proposti tagħhom.